Hosting responsabbli ġewwa Malta
Ingħaqad ma' Klabb tal-Hosts lokali: Tixtieq tiltaqa' ma' Hosts oħra fiż-żona tiegħek biex tikseb ftit pariri? Faċli ħafna—ingħaqad mal-Grupp tal-Hosts uffiċjali tal-komunità tiegħek fuq Facebook!
Tista' taqra dal-artiklu bil-Malti, bit-Taljan jew bl-Ingliż.
Ħloqna dal-artiklu biex ngħinu lill-Hosts ta' Airbnb jifhmu aħjar x'inhuma r-responsabbiltajiet tagħhom meta jilqgħu n-nies u biex nagħtu ħarsa ġenerali lejn il-liġijiet, ir-regoli u l-linji gwida li l-Hosts jistgħu jkunu obbligati jimxu magħhom. Int obbligat/a li timxi mal-linji gwida tagħna bħall-Istandards tal-Ospitalità u li tiżgura li qed timxi mal-liġijiet u mar-regoli l-oħra li obbligat/a timxi magħhom fis-sitwazzjoni tiegħek u fil-post fejn tinsab.
Nissuġġerulek tagħmel ir-riċerka tiegħek minħabba li dal-artiklu ma fihx id-dettalji kollha u ma jistax jitqies bħala parir legali jew parir fiskali. Barra minn hekk, billi ma naġġornawx dal-artiklu b'kull bidla li sseħħ, jekk jogħġbok iċċekkja kull sors għax l-informazzjoni li ssib f'dal-artiklu jaf tkun għadha kif inbidlet.
Saħħa u ndafa
Minħabba l-kriżi tas-saħħa miġjuba mill-COVID-19, id-dħul fis-seħħ ta' miżuri tas-saħħa u s-sigurtà xierqa se jkunu fil-qalba tal-istrateġija biex is-settur tat-turiżmu jirkupra. L-informazzjoni għall-Hosts minn madwar id-dinja kollha dwar il-protokoll għat-tindif imtejjeb ta' Airbnb tista' tinstab f'dil-paġna bl-informazzjoni ġenerali dwar kif tilqa' n-nies fil-postijiet fejn toqgħod.
Suġġerimenti importanti dwar it-tindif
- Tista' ssib iktar informazzjoni fuq il-paġna tal-Ministeru tas-Saħħa ta' Malta.
- Għal linji gwida għat-tindif u għad-diżinfezzjoni, aqra s-suġġerimenti taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.
Taxxi nazzjonali
It-taxxi huma suġġett kumplikat. L-obbligi fiskali tiegħek jistgħu jvarjaw skont iċ-ċirkostanzi partikolari tiegħek, għalhekk nissuġġerulek tagħmel ir-riċerka meħtieġa dwar l-obbligi tiegħek jew tkellem konsulent tat-taxxi biex tikseb informazzjoni iktar dettaljata.
Bħala regola ġenerali, il-flus li ddaħħal bħala Host fuq Airbnb huma meqjusa bħala dħul taxxabbli li jaf ikollok tħallas numru ta' taxxi fuqhom—bħal pereżempju t-taxxa tal-kiri, it-taxxa tad-dħul jew il-VAT.
Fil-każ ta' Malta, id-denunzji tat-taxxa ta' kull sena fiskali għandhom jintbagħtu sat-30 ta' Ġunju. Iċċekkja mal-Kummissarju tat-Taxxi biex issir taf jekk għandekx tiddikjara l-ammont li ddaħħal meta tilqa' n-nies—liema ammont tista' ssibu fit-taqsira tad-dħul tiegħek bħala Host. Ma tagħmilx ħażin li ssir taf intix eliġibbli għal krediti oħra bħal tnaqqis jew ħelsien mit-taxxi.
Gwida bla ħlas dwar it-taxxi
Nixtiequ nagħmluhielek eħfef li tifhem ir-responsabbiltajiet fiskali tiegħek bħala Host ta' Airbnb, għalhekk isseħibna ma' kumpanija tal-kontabilità terza u indipendenti biex nagħtuk gwida bla ħlas dwar it-taxxi (disponibbli bil-Malti, bit-Taljan u bl-Ingliż) li tagħtik informazzjoni ġenerali dwar it-taxxa ġewwa Malta.
Regolamenti u permessi
Importanti li tiżgura li għandek il-permess li tilqa' n-nies fil-propjetà tiegħek. Xi eżempji ta' restrizzjonijiet jinkludu l-kuntratti, il-liġijiet u r-regoli tal-komunità. Iċċekkja ma' avukat jew ma' awtorità lokali biex issir taf iktar dwar ir-regolamenti, ir-restrizzjonijiet u l-obbligi marbuta maċ-ċirkostanzi tiegħek.
Tista' tuża l-informazzjoni ġenerali li ssib f'dal-artiklu bħala punt tat-tluq għal dak li għandu x'jaqsam mar-regolamenti u l-permessi biex tilqa' n-nies.
Kuntratti u permessi
Kultant il-kirjiet, il-kuntratti, ir-regolamenti tal-bini u regoli tal-komunità jkollhom restrizzjonijiet li ma jħallukx tissulloka jew tilqa' n-nies. Iċċekkja l-kuntratti li ffirmajt jew ikkuntattja lis-sid tal-propjetà, lill-kunsill tal-komunità jew lil xi awtorità oħra responsabbli minn dal-qasam.
Jaf tkun tista' żżid anness mal-kuntratt tal-kiri jew mal-kuntratt li qed tagħmel użu minnu biex tiċċara t-tħassib, ir-responsabbiltajiet ġenerali u r-responsabbiltajiet legali għall-partijiet kollha.
Restrizzjonijiet marbuta mal-ipoteki
Jekk il-propjetà tiegħek għandha ipoteka (jew jekk użajtha bħala xi garanzija għas-self), iċċekkja ma' min sellfek biex tiżgura ruħek li m'hemm l-ebda restrizzjoni li ma tħallikx tissulloka jew tilqa' n-nies.
Restrizzjonijiet fuq l-akkomodazzjoni sussidjata
L-akkomodazzjoni ssussidjata normalment ikollha regoli li ma jħallukx tissulloka mingħajr permess. Iċċekkja mal-awtorità tad-djar jew mal-assoċjazzjoni tad-djar tiegħek jekk tgħix f'komunità ta' akkomodazzjoni ssussidjata u titħajjar issir Host.
Inkwilini
Jekk hemm xi persuni oħra qed jgħixu miegħek, nissuġġerulek tagħmel ftehim bil-miktub mal-inkwilini tiegħek biex taqblu fuq dak li tistennew mingħand xulxin. Il-ftehim bejn l-inkwilini jista' jsemmi kemm beħsiebek tilqa' n-nies ta' spiss, ir-regoli għall-klijenti, jekk hux se taqsam id-dħul u dettalji oħra.
Il-liġi tal-UE dwar il-ħarsien tal-konsumatur
Skont il-liġijiet dwar il-ħarsien tal-konsumatur tal-UE, meta toffri prodotti jew servizzi kummerċjali onlajn, int obbligat tagħti informazzjoni speċifika lill-klijenti tiegħek. Meta tilqa' n-nies permezz ta' Airbnb, dan jitqies bħala servizz. Għandna informazzjoni u għodod biex ngħinuk tiddeċiedi jekk għandekx tiddikjara ruħek bħala espert tal-ospitalità u biex ngħinuk tifhem ir-responsabbiltà tiegħek li tħares il-konsumaturi ġewwa l-UE.
Użu ħażin
Jekk xi ħadd jgħarrafna li qed tuża d-dar għal użu ħażin, aħna se nieħdu l-azzjonijiet meħtieġa. Għandna linji gwida biex ngħinu lill-awtoritajiet jirrappurtaw postijiet fejn toqgħod li jkunu qed jintużaw ħażin.
Sigurtà
Aħna nagħtu kas ħafna tas-sigurtà tal-Hosts u tal-klijenti tagħhom. Tista' sserraħ moħħ il-klijenti billi tagħtihom ftit istruzzjonijiet dwar x'għandhom jagħmlu f'każijiet ta' emerġenza u billi tavżahom jekk hemm xi perikli li jistgħu jiltaqgħu magħhom.
Informazzjoni ta' kuntatt għall-emerġenzi
Agħtihom lista ta' kuntatti b'dan-numri li ġejjin:
- In-numri lokali għall-emerġenzi
- In-numru tal-eqreb sptar
- In-numru biex jikkuntattjaw lilek
- Persuna oħra li jistgħu jikkuntattjaw (f'każ li l-klijenti ma jkunux jistgħu jaqbduk)
Ma tagħmilx ħażin li tavża lill-klijenti fuq kif l-aħjar jikkuntattjawk f'każ ta' emerġenza. Tista' wkoll tikkomunika mal-klijenti permezz tal-pjattaforma ta' Airbnb li hija alternattiva sigura.
Prodotti mediċi
Ara li jkollok kaxxa tal-ewwel għajnuna u għid lill-klijenti tiegħek fejn tinsab. Iċċekkjaha ta' spiss biex terġa' tqiegħed fiha l-prodotti li jkunu ntużaw.
Ħarsien kontra n-nirien
Jekk għandek appliances li jaħdmu bil-gass, imxi mar-regoli tas-sigurtà tal-gass kollha li jgħoddu għall-każ tiegħek u ara li jkollok detettur tal-monossidu tal-karbonju li jaħdem. Qiegħed apparat għat-tifi tan-nar fil-listing tiegħek u tinsiex tiċċekkjah ta' sikwit.
Ħruġ
Ara li għandek passaġġ immarkat sew biex wieħed jista' jaħrab f'każ ta' nar. Poġġi mappa tal-passaġġ biex il-klijenti jkunu jistgħu jsibuh malajr.
Ħarsien kontra l-perikli
Dawn huma xi modi kif tista' tevita l-perikli li jafu jseħħu:
- Iċċekkja d-dar tiegħek biex issib hemmx xi żoni fejn il-klijenti jistgħu jitfixklu f'saqajhom jew jaqgħu
- Neħħi jew immarka b'mod ċar il-perikli li ssib
- Irranġa l-wajers li mhux issiġillati sew
- Ara li t-taraġ tiegħek sigur u għandu l-ilqugħ
- Warrab jew sakkar kull oġġett li jista' jkun ta' periklu għall-klijenti tiegħek
Sigurtà għat-tfal
Xi klijenti jivvjaġġaw ma' membri tal-familja li għadhom żgħar u jeħtiġilhom jifhmu jekk id-dar tiegħek tgħoddx għalihom. Tista' tuża t-taqsima Iktar noti tad-Dettalji tal-listing fil-kont ta' Airbnb tiegħek biex issemmi l-perikli li jista' jkun hemm jew biex tispjega li d-dar tiegħek mhix tajba għat-tfal u t-trabi.
Kontroll tat-temperatura
Apparati li jaħdmu, bħall-fran u l-kundizzjonaturi tal-arja, jista' jkollhom impatt kbir fuq il-kumdità tal-klijenti tiegħek matul iż-żjara tagħhom. Hemm ħafna modi kif tiżgura li l-klijenti tiegħek ikunu komdi:
- Ara li tgħaddi biżżejjed arja fid-dar tiegħek
- Agħti l-istruzzjonijiet ta' kif jużaw it-tisħin u l-arja kkundizzjonata b'mod sigur
- Ara li l-kontroll tat-temperatura jkun qed jaħdem kif suppost u li l-klijenti jafu fejn jistgħu jsibuh
- Iċċekkja l-appliances ta' sikwit
Imġiba tajba
Parti mir-rwol ta' Host responsabbli huwa li tgħin lill-klijenti tiegħek jifhmu l-aħjar mod ta' kif għandhom iġibu ruħhom mal-komunità tiegħek. Meta tispjega r-regoli u d-drawwiet lokali lill-klijenti tiegħek, tkun qed tagħti sehmek biex toħloq esperjenza tajba għal kulħadd.
Regoli tal-binja
Jekk il-binja tiegħek għandha spazji komuni jew kumditajiet maqsuma mal-oħrajn, avża lill-klijenti bir-regoli għal dawk il-postijiet.
Regoli tad-dar
Tista' żżid ir-regoli tad-dar tiegħek fit-taqsima Iktar noti tad-Dettalji tal-listing mill-kont ta' Airbnb tiegħek. Normalment il-klijenti japprezzaw meta tavżahom minn qabel dwar dak li qed tistenna mingħandhom.
Ġirien
Ma tagħmilx ħażin li tavża lill-ġirien tiegħek jekk qed taħseb li tilqa' n-nies. B'hekk ikunu jistgħu jgħidulek jekk ikollhom xi kummenti jew tħassib.
Storbju
Il-klijenti jibbukkjaw fuq Airbnb għal ħafna raġunijiet, inklużi l-vaganzi u ċ-ċelebrazzjonijiet. Biex tevita l-problemi iktar 'il quddiem, avża lill-klijenti tiegħek minn qabel dwar kif l-istorbju jolqot lill-ġirien.
Jekk qed tinkwieta li tista' ddejjaq lill-komunità tiegħek, hemm modi differenti biex tgħin tillimita l-istorbju żejjed:
- Daħħal fis-seħħ regoli dwar sigħat tal-kwiet
- Taċċettax pets
- Spjega li l-listing tiegħek mhux tajjeb għat-tfal jew għat-trabi
- Taċċettax parties jew iktar klijenti li ma jkunux irreġistraw
Parkeġġ
Spjega lill-klijenti r-regoli tal-parkeġġ tal-binja u tal-viċinat tiegħek. Eżempji ta' x'jitqies bħala regoli tal-parkeġġ:
- Ipparkja biss fl-ispazju maħsub għalik
- Biex ma tfixkilx it-tindif tat-triq, nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ħamis tipparkjax fuq in-naħa tal-punent tat-triq
- Tista' tipparkja fit-triq biss bejn is-19:00 u s-07:00
Pets
L-ewwel iċċekkja l-kuntratt tal-kiri jew ir-regoli tal-bini tiegħek biex tara jekk hemmx xi restrizzjonijiet marbuta mal-pets. Jekk tħalli lill-klijenti jġibu l-pets magħhom, tagħmel tajjeb jekk tgħidilhom fejn huma l-aħjar postijiet fejn jistgħu jieħdu l-pets tagħhom għal mixja jew fejn jistgħu jarmu l-ħmieġ tal-annimali. Offri alternattiva lill-klijenti, bħal pereżempju n-numru ta' kennel fil-qrib, f'każ li l-pet ta' klijent jagħti fastidju lil xi ħadd mill-ġirien.
Privatezza
Irrispetta dejjem il-privatezza tal-klijenti tiegħek. Ir-regoli dwar it-tagħmir ta' sorveljanza tagħna jispjegaw eżattament dak li nistennew mill-Hosts tagħna, iżda xi postijiet għandhom liġijiet u regolamenti oħra li għandek tkun taf bihom.
Tipjip
Jekk ma tridx tipjip fuq ġewwa, nissuġġerixxu li twaħħal messaġġ madwar il-propjetà tiegħek biex tfakkar lill-klijenti. Jekk taċċetta t-tipjip, ara li tqiegħed l-ashtrays fil-postijiet fejn il-klijenti jistgħu jpejpu.
Assigurazzjoni
Aħdem mal-aġent jew mal-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħek biex tifhem x'obbligi, limiti u ħarsien huma meħtieġa għaċ-ċirkostanzi partikolari tiegħek.
Ħarsien mill-ħsara għall-Hosts u Assigurazzjoni għar-responsabbiltà tal-Hosts
AirCover għall-Hosts jinkludi l-Ħarsien mill-ħsara għall-Hosts u l-Assigurazzjoni għar-Responsabbiltà tal-Hosts li jagħtuk ħarsien bażiku għall-ħsarat u r-responsabbiltà legali msemmija. Biss dawn ma jieħdux post l-assigurazzjoni tas-sidien tad-djar, l-assigurazzjoni tal-kerrejja jew assigurazzjoni tajba kontra r-responsabbiltà legali. Jaf ikollok tilħaq ukoll ċerti rekwiżiti tal-assigurazzjoni oħra.
Aħna nħeġġu bis-sħiħ lill-Hosts kollha biex jaqraw u jifhmu r-regoli għall-ħarsien tal-polza tal-assigurazzjoni tagħhom. Mhux il-poloz tal-assigurazzjoni kollha jagħmlu tajjeb għall-ħsara jew għat-telf ta' propjetà li l-kawża tagħhom tkun klijent li bbukkja l-listing tiegħek.
Sir af iktar dwar AirCover għall-Hosts.
Responsabbiltà u ħarsien bażiku
Aqra l-politika tas-sidien tad-djar jew tal-kerrejja mal-aġenti jew mal-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħek biex tiżgura li l-listing tiegħek imħares tajjeb biżżejjed kontra r-responsabbiltà legali u kontra l-ħsara lill-propjetà.
Informazzjoni oħra marbuta ma' kif tilqa' n-nies
Agħti ħarsa lejn il-Mistoqsijiet Komuni dwar kif tilqa' n-nies tagħna biex issir taf iktar dwar kif tilqa' n-nies fuq Airbnb.
Jekk jogħġbok żomm f'moħħok li Airbnb m'għandha l-ebda kontroll fuq l-imġiba tal-Hosts u għalhekk tiċħad kull responsabbiltà għaliha. Jekk il-Hosts jonqsu mir-responsabbiltajiet tagħhom, dan jista' jwassal biex jiġu sospiżi jew biex jitneħħew mill-pjattaforma ta' Airbnb. Airbnb ma tagħti l-ebda garanzija li l-informazzjoni li tikseb meta tiftaħ xi link li twasslek għal siti terzi (inklużi l-links għal-liġijiet u r-regolamenti) hija eżatta u ta' min joqgħod fuqha.